STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-INTRAPRIŻA U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI: Riġenerazzjoni ta’ Ġnien l-Indipendenza li se tassigura aċċessibilità għal persuni b’diżabilità u effiċjenza fl-użu tar-riżorsi
Il-ġnien se jkun riġenerat b’investiment ta’ €200,000
Ġnien l-Indipendenza, b’medda ta’ 1,500 metru kwadru, se jkun qed jiġi riġenerat biex joffri aċċessibilità lil persuni b’diżabilità, jassigura effiċjenza fl-użu tar-riżorsi bħalma huma l-ilma u d-dawl u jipprovdi kenn lil min iżuru.
Il-bankijiet f’dan il-ġnien se jkunu magħmula minn plastik riċiklat li jirrikjedu anqas manutenzjoni biex jinżammu f’kundizzjoni tajba. L-istrutturi li se jipprovdu kenn mill-elementi se jkunu magħmula mill-injam filwaqt li l-ġiebja se tkun qed tiġi restawrata biex l-ilma tax-xita ma jintilifx u jintuża għat-tisqija tal-ġnien.
L-investiment fis-sistema tad-dawl se jassigura effiċjenza u titjib fis-servizz.
Dan il-proġett għall-komunità tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli flimkien mad-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard, fil-preżenza tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.
L-għan tar-riġenerazzjoni tal-ispazju miftuħ huwa li joffri aktar spazji fejn ir-residenti jistgħu jirrilassaw u jissoċjalizzaw f’ambjent sigur u li jagħti prijorità lis-sostenibbiltà. Ħsieb importanti wara dan il-proġett kien li l-infrastruttura tal-ġnien tkun sostenibbli filwaqt li jkun assigurat il-manteniment xieraq tul is-sena kollha.
“Matul dawn ix-xhur ħabbarna diversi proġetti ta’ spazji miftuħa mifruxa madwar Malta. F’kull proġett qed inżommu f’moħħna l-kunċett ta’ sostenibbiltà fejn il-ġnien jitħaddem b’sistemi effiċjenti, fejn jipprovdi aċċessibbiltà għal kulħadd u fejn il-manutenzjoni tingħata prijorità. Inħares ’il quddiem għal iktar proġetti bħal dawn biex inkomplu nagħtu lill-poplu Malti u Għawdxi iktar spazji miftuħa,” qalet il-Ministru Dalli.
L-investiment se jkopri wkoll pompa ġdida għall-funtana u sistema ta’ irrigazzjoni, it-tneħħija ta’ speċi invażivi u t-tħawwil ta’ pjanti u siġar indiġeni. Biex ikun evitat periklu, il-ħitan se jkunu rrestawrati.
Ir-riġenerazzjoni ta’ Ġnien l-Indipendenza hija mifruxa fuq medda ta’ tliet snin biex ix-xogħlijiet isiru f’fażijiet differenti.
Id-Direttur Ġeneral ta’ Parks Malta Adrian Attard spjega li fl-ewwel fażi, Parks Malta se tkun qed tirrestawra l-istruttura tal-ilma, il-ħitan u strutturi oħra. Se jkunu qed jitħawlu diversi siġar u arbuxell indiġeni li huma adattati aktar għal dan is-sit b’sistema ta’ irrigazzjoni.
Dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni huwa wieħed minn sensiela ta’ proġetti li Parks Malta qed jagħmlu ma’ diversi kunsilli lokali madwar il-pajjiż.
Matul it-tieni u t-tielet fażijiet, Parks Malta se tkun qed tagħmel it-tibdiliet meħtieġa fil-pavimentar u tinstalla aktar dawl u bankijiet ġodda.