Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Parks Malta b’ħidma biex issebbaħ spazji miftuħa fil-komunità

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-INTRAPRIŻA U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI: Parks Malta b’ħidma biex issebbaħ spazji miftuħa fil-komunità

Id-direttorat Parks Malta għaddej b’ħidma mmirata lejn it-tisbiħ ta’ spazji miftuħa fil-komunitajiet. Taħt id-direzzjoni tal-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, Parks Malta qed isaħħaħ il-kollaborazzjoni tiegħu mal-kunsilli lokali biex jgħin lill-komunitajiet urbani jiżviluppaw spazji ta’ rikreazzjoni.

Waqt żjara f’San Ġwann, fejn ħabbret il-kollaborazzjoni l-ġdida bejn Parks Malta u l-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, il-Ministru Dalli spjegat kif Parks Malta se jkun qed jgħin lill-kunsill lokali fit-trasformazzjoni u l-manutenzjoni taż-żona identifikata fi Triq ir-Rand, li bħalissa tinsab fi stat ta’ telqa.

“Aktar spazji miftuħa f’żoni urbani jipprovdu nifs lill-lokalità u aktar postijiet fejn ir-residenti jistgħu jaqraw, jistudjaw, jisimgħu l-mużika jew sempliċiment jieqfu ftit mir-rutina mgħaġġla ta’ kuljum. L-idea li rridu nwasslu permezz tax-xogħol tagħna hi li, grazzi għall-kollaborazzjoni mall-kunsilli lokali, nistgħu nirriġeneraw spazji miftuħa fil-qalba tal-lokalitajiet”, qalet il-Ministru Dalli.

Spjegat ukoll li l-proġett ta’ San Ġwann huwa eżempju wieħed ta’ dak li beħsiebu jagħmel Parks Malta, ibbażat fuq il-ħtiġijiet u x-xewqat tal-kunsilli lokali u l-komunità.

Il-kunċett huwa li jiżdiedu l-ispazji żgħar u medji f’żoni urbani fil-lokalitajiet Maltin għall-benefiċċju tal-pubbliku. Iż-żona identifikata f’San Gwann se tinkludi bankijiet, siġar, vaska u varjetà ta’ ħwawar aromatiċi li jkomplu jsebbħu l-ispazji miftuħa. Il-pjanti magħżula huma ideali għall-klima Maltija peress li jikbru u jinżammu faċilment fit-temperaturi li mdorrijin bihom.

Is-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech iddeskriva dan l-ispazju miftuħ ġdid bħala eżempju ieħor tal-kollaborazzjoni pożittiva li teżisti bejn Parks Malta u l-kunsill lokali. Proġett preċedenti ra t-tħawwil ta’ 5,000 siġra u arbuxell madwar San Ġwann.

“Nirringrazzja lill-Ministru Dalli u Parks Malta għall-għajnuna u l-appoġġ kontinwu tagħhom biex isegwu t-tisbiħ u l-indafa ta’ San Ġwann, kif ukoll tal-isforzi li qed isiru biex noħolqu spazji miftuħa addizzjonali għall-benefiċċju tar-residenti tagħna”, qal is-sindku.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur ta’ Parks Malta Adrian Attard qal li, “Permezz ta’ kollaborazzjonijiet bħal dawn, Parks Malta qed twassal il-viżjoni ċara li żżid l-ispazji miftuħa fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin. Se nibqgħu impenjati li ngħinu lill-kunsilli lokali fir-riġenerazzjoni ta’ spazji miftuħa sabiex ir-residenti jkollhom aktar postijiet ta’ rikreazzjoni viċin id-djar tagħhom”.